L-istress huwa parti mill-ħajja ta’ kuljum u, għal ħafna carers, l-istress jista’ jkun fattur ewlieni li jaffettwa saħħithom.

L-istress jiġi kkawżat mill-ħafna talbiet magħmula fuq il-ħin u l-enerġija tagħna u l-aspettazzjonijiet li għandna għalina nfusna. Mhux kull stress hu negattiv – l-istress jista’ jallertak għal perikli potenzjali u jista’ jġiegħlek tikseb għan jew itemm biċċa xogħol. Madanakollu, xi kultant il-bilanċ jixxengel wisq u l-pressjoni ssir tant intensa jew tant persistenti li inti tista’ tħossok inkapaċi tlaħħaq.

L-istress jista’ jagħmilha diffiċli tlaħħaq mal-eżiġenzi tal-kura. Tista’ ssir aktar u aktar eżawrit, tens u irritabbli, u tkun qed tpoġġi sforz fuq ir-relazzjonijiet. Dan jista’ jġagħlek tħossok li qed titlef il-kontroll fuq ħajtek u li m’hemmx mezz kif tista’ tikseb lura dan il-kontroll.

L-ewwel stadju biex tiffaċċja l-istress hu li tagħraf li qed jiġri. Għandu mnejn ikollok tant ftit ħin għalik innifsek li ma tindunax mal-ewwel. Meta tibda tinnota s-sintomi ta’ stress (ara hawn isfel), toqgħodx titqabad, tittama li jitlaq. Aktar ma tiffaċċja l-problema malajr, tant aħjar, u li titkellem dwar kif tħossok jista’ jgħinek issib il-mezz kif tiffaċċjha.

Is-sintomi ta’ stress jistgħu jkunu kemm mentali u fiżiċi, u jistgħu jvarjaw minn persuna għal oħra:

  • Sintomi mentali jistgħu jinkludu ansjetà, rabja, depressjoni, nuqqas t’aptit, nuqqas ta’ rqad, biki ta’ spiss, għeja u diffikultà biex tikkonċentra.
  • Sintomi fiżiċi jistgħu jinkludu uġigħ fis-sider, bugħawwieġ, spasmi muskolari, stordament, irrikwitezza, kontrazzjonijiet nervużi u nuqqas ta’ nifs.

Fuq perijodu ta’ żmien twil, xi wħud minn dawn is-sintomi jistgħu jaffettwaw lil saħħtek – li jpoġġuk f’riskju ta’ pressjoni tad-demm għolja, li jista’ jwassal għal attakki tal-qalb u puplesija.

Appoġġ

Meta titkellem ma’ persuni oħra li qegħdin f’sitwazzjoni simili jista’ jkun t’għajnuna kbira meta tħossok stressjat. Mhux kulħadd jsibha faċli imma tista’ tkun ta’ sorpriża li ssib li oħrajn iħossuhom l-istess bħalek. Pereżempju, tista’ tingħaqad ma’ grupp ta’ carers lokali jew fergħa ta’ Carers UK sabiex taqsam l-esperjenzi tiegħek.

Il-grupp ta’ carers lokali tiegħek jew il-kunsill lokali jistgħu jkunu kapaċi jgħinuk ukoll tieħu break mill-għoti ta’ kura sabiex tippermetti lilek innifsek tieħu ftit nifs. Anke jekk għal ftit sigħat kull ġimgħa sabiex tagħmel xi ħaġa li tieħu gost tagħmel.

Jekk m’intix it-tip ta’ persuna li tixtieq tingħaqad ma’ grupp għaliex ma tipprovax titkellem onlajn mas-sit elettroniku Carers UK fejn tista’ tiltaqa’ ma’ carers oħra b’mod anonimu, taqsam esperjenzi u ssib l-appoġġ.

Jekk tista’, tkellem mal-familja u l-ħbieb tiegħek ukoll. Meta titkellem dwar kif tħossok u toħroġha fil-beraħ, jista’ jgħinek tħossok aħjar. Li taqsam l-emozzjonijiet u l-problemi tiegħek ma’ dawk li huma qrib tiegħek jista’ jfisser li inti tirrealizza li għandek bżonn aktar għajnuna minn għandhom.

 

Għajnuna lilek innifsek.

Jekk qed tħossok imbikkem, irrabjat jew jekk għandek sintomi oħra ta’ stress, hemm għadd ta’ stadji li tista’ tieħu biex tnaqqas il-livelli tal-istress tiegħek. Dawn jinkludu:

  • Oħroġ barra mill-kamra – jew jekk tista’ oħroġ barra – għal tal-anqas 5 minuti. Ħu nifs ’il ġewwa u żommu sakemm tgħodd tlieta, imbagħad oħroġ in-nifs. Erġa’ irrepeti, sakemm tħossok aktar rilassat, imma mhux daqshekk ta’ spiss li tħossok stordut.
  • Irrilassa l-muskoli. Muskoli tensjati huwa sinjal fiżiku li inti stressat. It-taħriġ f’tekniki ta’ rilassament huma disponibbli lokalment. Iċ-ċentru lokali għal ħajja b’saħħitha jew il-librerija lokali tiegħek jista’ jkollhom tagħrif kif ukoll kotba jew tejps dwar ir-rilassament.
  • Tixrobx jew tpejjep iżżejjed. L-alkoħol u s-sigaretti għandhom effetti li jagħmlu ħsara fuq il-ġisem tiegħek, u jagħmluk f’riskju akbar tal-effetti fiżiċi tal-istress.
  • Il-kaffeina jista’ jkollha effetti simili fuq il-ġisem bħall-istress, allura oqgħod attent mit-teħid ta’ kafè.
  • Kun attiv. L-eżerċizzju fiżiku huwa mod sempliċi kif tneħħi t-tensjoni. Anke mixja għal ħwienet tasta’ tgħinek tnaqqas l-livelli tal-istress tiegħek.
  • Ipprova mexxi lilek innifsek u ffaċċja ħaġa waħda fi kwalunkwe ħin. Kun realistiku dwar dak li tistenna minnek innifsek. Tgħallem għid “le” lil persuni oħra, għallinqas f’xi ħin.

 

Trattament

Kellem lit-tabib tal-familja tiegħek, li jkun ra ħafna pazjenti bi problemi relatati mal-istress. It-tabib tiegħek għandu mnejn jirrakkomanda li tieħu konsulenza jew trattament ieħor bit-taħdit. Konsulent ser jisimgħek, u jgħinek issib modi kif tiffaċċja l-istress tiegħek.

Hemm ukoll mediċini li għandek mnejn tista’ tieħu biex tistrieħ minn xi wħud mis-sintomi ta’ stress. Jekk l-istress qed iġagħlek tħossok dipress, it-tabib tiegħek jista’ jippreskrivi xi antidipressanti sabiex tkun tista’ tħossok aħjar. Antidipressanti differenti jaqblu ma’ persuni differenti, għalhekk jekk ma tkunx kuntent b’dak li ġie ordnet lilek, erġa’ mur lura għand it-tabib tiegħek. Ikkonsidra l-għażliet kollha qabel tibda tieħu l-antidipressanti.  Staqsi lit‑tabib tiegħek għal tagħrif dwar effetti kollaterali.  Għid lit-tabib tiegħek jekk tippreferix it-trattamenti bit-taħdit l‑ewwel.

 

Depressjoni

Id-depressjoni hija marda, bħal influwenza u l-ġidri r-riħ. Fil-fatt, id-depressjoni hija waħda mill-kondizzjonijiet l‑aktar komuni fl-Ingilterra llum.

F’xi punt f’ħajjitna, wieħed minn kull ħames persuni ser ibati minn xi għamla ta’ depressjoni. Ġeneralment dan ikun baxx temporanju (jista’ jkun marbut ma’ xi telfa, mard ta’ membru tal-familja, tkeċċija mix-xogħol jew divorzju) – li ġeneralment jitjieb sakemm l-affarijiet jiġu lura għan-normal. Madankollu, xi kultant id-depressjoni tista’ tilgħab parti kbira minn ħajjitna, bi 3-4% tal-irġiel u 7-8% tan-nisa jbatu minn mard depressiv minn moderat għal sever fi kwalunkwe ħin.

Li tkun taf x’inhuma s-sintomi, lil min għandek tkellem u liema trattamenti huma disponibbli għandu jgħinek biex tiffaċċja d-depressjoni malajr.

Id-depressjoni hi meta nħossuna qed imissu l-qiegħ jew dispjaċuti u ma nistgħux insibu l-ebda pjaċir fil-ħajja. Ħafna minnha jħossuna hekk xi kultant, imma d-depressjoni hi meta dawn l-emozzjonijiet idumu aktar u huma estremi aktar.

Sintomi oħra ta’ depressjoni jinkludu:

  • Tħossok m’inti kapaċi għal xejn, anzjuż, inkwetat jew imbikkem.
  • Tħoss li m’intix kapaċi tlaħħaq mal-affarijiet ta’ kuljum li ma kontx taħsibha darbtejn fuqhom fil-passat.
  • Titlef l-aptit tiegħek, titlef il-piż jew ikollok problema biex torqod.

F’każijiet estremi għandek mnejn taħseb li anke tagħmel ħsara lilek innifsek jew lil persuni oħra.

Id-depressjoni tista’ takkumula gradwalment, u ma tkunx taf kemm tkun qed taffettwak. U minħabba n-natura stressanti ta’ ħajjitna, il-carers jistgħu jkunu aktar suxxettibbli għal depressjoni.
Jekk għaraft kwalunkwe wieħed minn dawn is-sintomi fik innifsek, inti tista’ tkun affettwat b’depressjoni.

Dawn huma l-istadji li tista’ tieħu biex tiffaċċja d-depressjoni u tibqa’ għaddej. Dak li jaħdem jista’ jkun differenti għal kull individwu imma hawn xi ftit ideat:

  • Iżżommhiex għalik innifsek. Jekk inti depress, għid lil xi ħad dwarha. Xi kultant tgħin li tista’ terġa’ titkellem dwar l-affarijiet ma’ xi ħadd li tafda pjuttost milli żżommhom magħluqin ġo fik.
  • Agħmel xi eżerċizzju – oħroġ barra, anke jekk għal xi mixja. Dan mhux biss ser jgħin iżommok fit, imma jista’ jgħinek torqod ukoll. Ipprova żomm attiv – kemm jekk hu xogħol tad-dar, DIY jew ir-rutina normali tiegħek. Dan kollu jista’ jgħinek biex moħħok ma joqgħodx jiffoka fuq ħsibijiet li jagħmluk aktar depress.
  • Ħu ħsieb tiegħek innifsek – kul ikla għal saħħtek u oqgħod ’il bogħod mill-alkoħol peress li dan jista’ jagħmel id-depressjoni tiegħek agħar.
  • Iltaqa’ ma’ persuni oħra li esperjenzaw id-depressjoni u isma’ kif iffaċċjawha. Gruppi li jgħinu b’għajnuna li jagħtu lilhom infushom ta’ spiss jistgħu jipprovdu pariri u taħriġ f’rilassament u tagħrif dwar terapija kumplimentari.
  • Ibqa’ ttama – fakkar lilek innifsek li inti qed tbati minn esperjenza li ħafna persuni oħra diġà għaddew minnha. Eventwalment ħa toħroġ minnha – għalkemm għandek mnejn ser issibla diffiċli temmen hekk f’dak il-ħin.

 

Trattament

Jekk tħoss li tista’ tkun depress, ara lit-tabib tiegħek. Huwa importanti li tara t-tabib tiegħek kemm jista’ jkun malajr aktar milli meta jkun tard wisq, sabiex jibda jkollok it-trattament u tibda tħossok bħal ma kont tħossok qabel.

Jekk it-tabib tiegħek jaħseb li għandek depressjoni ħafifa li tista’ titjib, għandu mnejn jissuġġerixxi li jerġa’ jarak fi ftit ġimgħat oħra.

Jekk it-tabib tiegħek jaħseb li għandek bżonn trattament, hemm żewġ tipi li jista’ jordnalek:

Kors qasir ta’ medikazzjoni – pereżempju, kors qasir ta’ mediċini antidepressanti li jgħinuk tħaffef il-burdata  tiegħek sabiex inti tkun tista’ tlaħħaq aktar faċilment. Dawn jistgħu jieħdu minn ġimagħtejn għal erba’ ġimgħat. L‑antidepressanti jistgħu jaħdmu tajjeb u jgħinuk tħossok u tlaħħaq aħjar, imma għandu mnejn ikollok tipprova dożi differenti – sabiex issib l-aħjar waħda għalik.

Trattament bit-taħdit – bħal konsulenza jew psikoterapija. Dawn joffru ċans biex tista’ titkellem dwar id-diffikultajiet u l-emozzjonjiet u jistgħu jgħinuk titgħallem kif għandek tiġġestixxi l-istress tiegħek billi tuża varjetà ta’ tekniki.

Jekk it-tabib tiegħek iħoss li għandek depressjoni severa, għandu mnejn jissuġġerixxi trattament bit-taħdit u antidepressanti. Fittex parir u kkonsidra l-għażliet kollha qabel tiddeċiedi fuq kors ta’ trattament.

Permess ġentili minn

CARERS UK – The voice of carers.Żur is-sit...